Christopher Attard

Jekk xi darba …
(B’dedika lil ħabib tal-qalb – Kevin Vella)

Jekk xi darba
għad tasal biex tkellimni, ħabib
u tinduna
li jien trux u mutu għalik
xejn la tinkwieta
ħallini waħdi hawnhekk
nitkagħweġ fl-akkwarju mal-ħut tropikali
b’ilwien liema bħalhom…
nosserva n-nisa topless
jixxemxu bla mistħija
fi xtajta bla ramel
miżgħuda bin nies
bħad-dubbien imdawwrin ma’ ġelat
taħt qillet ix-xemx sajfija
li qed tiżreġ bla ħniena…
u għad tasal ir-rebbiegħa
meta jaqgħu l-weraq
u tinduna li jien
   arloġġ bla numri
      qanpiena bla lsien
         pjanta bla weraq…
xejn la tinkwieta, ħabib
ħallini waħdi hawnhekk
nara logħob tal-ballun
jew nisma’ l-mużika klassika
minn ħalq Pavarotti miftuħ
beraħ bħal ta fekruna.

Din biss ittaffi
lil qalbi mnikkta
u serraħ il-menti mtaqqla
bi ktajjen - irbit
ta’ ħsibijiet qalila…

Jekk għad xi darba
niltaqgħu fil-misraħ tar-raħal
jaqbillek tgħid li ma tafnix.

08.07.1990

Don Quixote u jien …

Intilfet il-kuċċarina msadda
f’tazza mxellfa
bla qiegħ…
tħawwad kafe sewdieni
bla togħma
ma’ ħsibijiet illużorji
quddiem mera mċajpra
f’għodwa bikrija
mal-fwawar tal-misħun
u s-sapun imdellek ma’ wiċċi
imħaffer bit-tifkiriet
ta’ ġlied kontra mtieħen fittizji
bħal qalbieni kavallier spanjol Don Quixote
u serv fidil Panza
nħossni mifluġ - tellief
b’lanez li qed jinfdu lil qalbi
ma’ kull kelma-velenu
li ħierġa minn fommok
bla mistħija
f’din id-dinja miġnuna
bħal irdieden tal-ġigġifogu.

Ix-xbieha tas-sbejħa Dulċineja
ix-xebba perfetta ta’ ħolmti
qed issir irmied
quddiem għajnejja
f’dan il-jum sajfi
bla bidu u bla tmiem.

04.08.1990


Twieled fis-sittax ta' Ottubru 1970. Gradwat bhala ghalliem. Beda jikteb il-poezija fl-eta ta' erbatax-il sena. Xi poeziji gew mitbugha f'antologija "Mal-Hmura ta' Fil-ghodu" kif ukoll f'pagni letterarji ta' 'gurnali lokali u rivisiti ohra.

 
© Malta Poetry u Poezija Plus. All right reserved.
Designed & Developed by AZcreations 79 288 487