Emmanuel
Attard Cassar
Sea
Oh Sea
my liberty
in your upthrust
and my hanging to the surface…
in the mildness
of your temperature…
in the wideness
of your might…
in the colours
of your meanings…
I live
my liberty
Ħdejn il-Baħar
(Ritratt ta’ Ommi)
Neżlin minn fuq tal-linja
bil-kpiepel u bil-qrieq
bil-qasab u bil-palji.
M’hix twil’ għall-bajja t-triq.
Ommi mal-ħajt tressaqna
tistenna l-frix tan-nies.
Imbagħad qajl qajl tmexxina
fil-kenn tad-dell wennies.
“Żommu id f’id għalissa.
Araw li ma tiġrux”.
“F’dal-basket għandi t-termos.
Ar’ qis li ma xxenglux.”
Għajnejha fiss fin-niżla.
F’idejha żżomm liż-żgħar.
“Kulħadd fuq il-bankina
inkella mmorru d-dar.”
Il-kbir quddiem b’pass mgħaġġel
qiegħed basket iġorr.
Fih fliexken bir-ruġġata
bir-riħa tal-lews morr.
Fih ħobż biż-żejt imgeżwer
fi ċraret imxarrbin
u kripps imsajjra l-bieraħ,
dulliegħa u ftit tin.
Ir-ramla pass bogħod minna.
Il-baħar blu sabiħ
u l-ilma ċar u safi
sa l-ħut tara fil-qiegħ.
Iż-żgħar iqallbu f’basket
għall-pala u l-barmil
u ommi qed titbissem
tiggosta dan l-għamil.
It-tnejn jibnu fortizza.
Wara jdawwruha b’foss.
“L-aqwa li qegħdin kwieti.
Tagħhom ma tismax ħoss.”
Imbagħad tiġbidni magħha
ftit ‘l hinn fejn hemm il-blat
u tgħidli: “Ar’ hawn tista’
fil-kwiet toqgħod tistad.”
U hi b’sikkina taqla’
u tiekol ftit imħar.
U f’borża l-bebbux titfa’.
“Ngħalluh la mmorru d-dar.”
Il-kbir jinsab hemm barra
ġo l-ilma bil-ballun
biex jara liema tfajla
se jolqot, ja brikkun.
U jżur ħsiebi lill-ieħor
li qiegħed f’istitut.
Fiss dieqa kiefra ddellel
ix-xemx ta’ dawn ix-xtut.
Issa qed issejħilna.
“Ejjew għax sar il-ħin.
Ħa nilħaq lil missierkom
ngħallilu ftit għaġin”.
|