Gregory
Gauci
Il-Pitirross
Għasfur ħelu’ żgħir u jgħanni
‘l pitirross tant popolari
jasal fostna fil-ħarifa
dan b’kuluri mhux tant ċari.
Jibda jidher ġewwa artna
għal ħabta ta’ nofs Ottubru
jibqa magħna x-xitwaq kollha
qabel jitlaq għal fejn ħutu.
Il-kuluri li dan għandu
huma ftit iżda jvarjaw
ninsab ċert li kulħadd fostna
li bħal dawn dejjem naraw.
Dahru aħdar bħaż-żebbuġa
denbu ta’ l-istess kulur
żaqqu bajda lewn il-karti
sidru ħmarlu mal-futur.
Nafuh dan skond il-leġġenda
li tana Patri Delia
dan ma kienx hekk b’sidru aħmar
iżda sarlu bit-tbatija.
Il-leġġenda hekk tgħallimna
li darba fuq is-salib
kien hemm Kristu ‘l Feddej tagħna
dan għalih kien il-ħabib.
Dan iċ-ċkejken tant kien tħassru
li ddeċieda fil-mument
dak ix-xewk minn rasu jaqla
biex jeħilsu mit-turment.
Għal fuq rasu dan reħielha
fuq ix-xewk li għaddlu mija
ġibed waħda b’saħħtu kollha
w’hekk intela’ kollu dmija.
Sidru ċċappas b’teba’ kbira
nixef kollu minn kull dmija
dana sar lewn is-sadid
għal ta’ ħajtu kollha ‘l bqija.
Dana kien ir-rigal Tiegħu
tal-pjaċir li kien għamillu
“ibqa żomm għal għomrok kollu
din it-tebgħa” hekk kien qallu.
Dan kollu skond il-leġġenda
qed naraw aħna sal lum
kemm ir-raġel w’anki ‘l mara
dal kulur għandhom illum.
Mela’ ftakru O tfal ċkejkna
f’dil leġġenda xħin taraw
pitirross fuq xi ħarruba
iżda qatt la tittantaw.
Nikkundanna lit-tfal kollha
kemm lil kbar w’anki liż-żgħar
b’xi trabokk jew xibka jmorru
biex jaqbdu ta’ spiss lil dan.
Dan l-għasfur le jgħix fil-gaġġa
għax imut wara ftit jiem
ma jiekolx dan iż-żerriegħa
iżda ‘l ħniex jew ftit rummien.
Għandu għanja tant sabieħa
tassew ħasra illi jmut
ġewwa ‘l gaġġa jekk jinqabad
jispiċċa qisu ‘l mismut.
Mill-istess familja jiġi
tal-malvizz jew malvizzun
tal-merill w’anki tal-fjamma
iżda le minn tar-rundun.
Heġġa kbira dana għandu
u jiġġieled daqs dimonju
m’għasfur ieħor fuq xi siġra
din tkun tiegħu territorju.
Infakkarkom O tfal ċkejkna
kulma tagħmlu hu għal xejn
jekk dan l-għasfur inthom taqbdu
li fl-aħħar ma jibqa xejn.
Il-Fenek u l-Fekruna
Għodwa waħda tar-rebbiegħa
ġewwa xagħari wisq magħruf
kien hemm fenek u fekruna
dan ta’ l-ewwel beda jħuf.
Il-fekruna kienet kwieta
kienet timxi ferm bil-mod
u mhux tiġri b’ċerta ħeffa
kif jaqbes l-ieħor sod sod.
Dan lemagħha f’dina l-għodwa
f’moħħu ġie ħsieb minnufih
li tiġrija jagħmel magħha
sabiex jirbħilha bis-sħieħ.
Il-fekruna hija għaqlija
u dlonk dina indunat
bil-ħsieb li dan kellu f’moħħu
ħsieb ta’ wieħed indannat.
Kienet pronta din weġbitu
għal tiġrija ta’ żewġ mili
“mhux imbilli inti” qaltlu
“ħafif ħafna iżjed minni”
“Jien kapaċi niġri ħafna”
dan weġibha minnufih
“mhux żewġ mili biss jien niġri
kif tarani int tiblieħ”.
“Tajjeb wisq” dina weġbitu
“meta trid nistgħu naraw”
beda jidħak f’wiċċha ‘l fenek
kienu ser jaqbdu jissaraw.
Ftehmu l-għada meta sebaħ
biex jibdew il-vjaġġ it-twil
ftehmu wkoll sabiex jiltaqgħu
meta mesaħ dak il-pil.
Il-ħin tat-tiġrija wasal
u telqu mill-istess post
qalu “wieħed tnejn u tlieta”
bil-fenek jidħak kollu gost.
Dawna telqu bi ħsieb wieħed
biex jirbħu dina l-imħatra
il-fenek jiġri u jaqbes
u ‘l fekruna bil-qatra ‘l qatra.
Kien għaddieha biċċa ġmielha
meta waqaf biex jistrieħ
il-fekruna baqet tfekren
ma kellhiex bżonn ta mistrieħ.
Dan tant għejja li ried jorqod
kellu bżonn ta’ l-enerġija
għajnu f’daqqa marret bih
għal dik l-għodwa kollha ‘l bqija.
Il-fekruna baqet miexja
ma kellhiex bżonn ta mistrieħ
din bdiet tpassi bil-lajma ‘l lajma
w’hekk laħqitu minnufih.
It-tiġrija din komplietha
‘l fenek stembaħ minnufih
f’daqqa ftakar dan xi ġralu
mesaħ wiċċu għax kien ir-riħ.
Dana reġa’ beda jlebbet
iżda kollu kien għalxejn
il-fekruna waslet qablu
u sab li kien baqa’ b’xejn.
Qal “tal lum servietni xogħofa
żgur li din ma tkunx darb’ oħra”
min jitgħolla jaqa’ f’daqqa
u żgur li ma jqumx għal oħra.
Ftakar f’daqqa fil-proverbju
li semmietlu dik il-ġbara
dina qaltlu ġo widnejh
“għal kull ħatba hemm mannara”.
Fil-Wied
Hemm għal ħemda trid tarani
bil-ktieb f’idi la tkellimnix
f’’ dak il-ħin tkun l-għaxqa tiegħi
bħalissa nħarref jien m’hinix
B’hekk nitgħaxxaq bin-natura
fejn insib is-serħan tiegħi
f’solitudni li wied joffri
b’dawk il-fjuri kollha miegħi
Meta naqra jien niddejjaq
u l-ktieb fl’art inpoġġi ħdejja
ix-xemx hawn tkun telgħet sewwa
naqbad niekol taħt xi ħnejja
Minn hawnhekk nibda nosserva
dawk l-għasafar ħfief jittajru
dawk il-friefet b’tant kuluri
u xi sħaba kultant fl-ajru
Anki n-naħal jien nosserva
u xi dudu jiġri fl-art
kultant nilmaħ xi ballottra
jew xi siġra bi ftit ward
Nara wkoll kultant xi ragħajja
nara wkoll xi kampanjoli
jirgħaw anki merħla nagħaġ
xi ħamiem jittajjar fl-għoli
Kultant nijmaħ anki baqar
kif ukoll xi ftit majjali
mal-ħitan dwieli ta’ l-għeneb
xi wiċċ kollu qara bagħali
Bosta siġar tal-ħarrub
xi tomnejn kollha pastard
jew xi siġar taċ-ċirasa
xi siġriet mimlija ward
Nilmaħ kultant jien xi serra
miksija bil ‘polythene’
ġewwa tkun kollha tadam
ma’ ġenb siġar kollha tin
Dan l-ambjent jidher jiddallam
meta x-xemx nilmaħ qed tinzel
ħwejġi kollha niġbor f’sorra
mill-passaġġ jiena pront ninzel
Dritt għar-raħal jiena niġbed
minn mogħdija twila mil
ma’ xi ragħajja jien niltaqa’
fuq spallejhom b’xi barmil
Ftit għajjien jien nibda nħossni
għax ix-xemx tixrobli moħħi
meta d-dar jien fil-pront nasal
il-kappell jien pront inneħħi
Malta
Inħobbok Malta
gżira sabieħa
inkwiet rajt ħafna
iżda bqajt sħieħa
Kuraġġ kbir kellek
u jiena miegħek
tul l-aħħar gwerra
dejjem bqajt tiegħek
Bqajt tireżisti
int mal-barrani
id f’id jien miegħek
dejjem tarani
Ma qalbi tibqa
minnha le nħollok
miġbura żżommna
miegħek ikollok
Għalik jien nitlob
lis-Sinjur Alla
biex qatt ma ccedi
int għal xi balla
Gawhra f’nofs baħar
int tidher żgħira
pajjiżi oħra
tiġihom l’għira
In-nisel kollu
tant ir-raħlin
it-tfal żgħar kollha
w’anki l-beltin
Kulħadd jitolbok
l-Għawdxin Maltin
biex tindukrana
dejjem kull ħin
Ismek ferrieħi
kont pronta tajtna
għażiża Malta
hekk dejjem rajtna
Kemm żgur l-Ingliżi
l-Għarab w’it-Torok
dawn żjarat għamlu
f’tiegħek it-toroq
Il-Kavallieri
w’anki ‘l Franciżi
lilek dawn riedu
bħal-Germaniżi
Sa fl-aħħar nagħlaq
bl-ebda tilwima
bil-qima kollha
nagħtik tislima.
Lil din l-art helwa
l-omm li taghtna isimha,
hares Mulej kif
dejjem Int harist
|