Marie
Claire Bonanno
Kurċifiss ċkejken
Kif niftaħ għajnejja,
Malli jżernaq il-jum.
X’ħin intajjar il-kutri,
U minn ġos-sodda nqum,
Nilmaħ quddiemi,
Fid-dawl tas-sebħ,
Kurċifiss ċkejken
Li jfakkarni fir-rebħ.
Ir-rebħ ta’ Ġesu
Li ħelisna mid-dnub.
Ir-rebħa li messet,
Tant u tant qlub.
L-Imħabba għal Malta
Tiġri ġo demmi,
F’kull ċellola fina.
Ħierġa minn qalbi,
Tbaqbaq f’kull vina.
Teħodni lura
Tul medda ta’ żmien,
Biex insib għeruqi,
U nsir naf min jien.
Missirijieti,
’l dil-gżira ħabbew.
B’ruħhom u ġisimhom
’l Malta ddefendew.
Raw ħafna ma’ wiċċhom,
Iżda żammew sod.
Ma riedux iċedu,
Bl-ebda mod.
Għalhekk għandi ħafna
Għalxiex nirringrazzjahom.
Ħaduli ħsieb arti,
U ta’ dan nammirahom.
Iva, jien Maltija,
Arti Malta,
Ħallini nħobbha.
VIVA MALTA.
Ilsien Pajjiżi
Ilsien pajjiżi
Għaddej minn kriżi.
Qed jitlef il-fama,
Tgħid għalih hemm tama ?
Għalfejn l-iskola nużaw l-Ingliż ?
Miskin il-Malti, iħossu offiż.
Ejjew ilkoll nirrispettawh,
Billi nitkellmuh u nużawh.
Inħobbu l-Malti, għax jien Maltija
Iqanqal sens ta’ mħabba fija.
Bih għandna nkunu kburin
Għax lilna jagħmilna Maltin.
Serħan ir-ruħ
Dil-qalb maqsuma,
B’mitt daqqa ta’ stalett,
Immut ftit ieħor,
Ma kull kundanna.
Miniex fjura,
Bajda u pura,
Iżda lanqas dimonju,
Jikkaġuna s-saram.
Ninqasam ftit ftit
Sakemm ninqatà għal kollox,
Nitwieled mill-ġdid,
Ġo nar etern.
Inħares madwari,
Mewġ indannat,
Dgħajsa f’nofshom,
Titfarrak mal-blat.
L-ebda raġġ ta’ xemx,
Żomm, għandi l-poeżija,
Qatt ma tmerini,
Inserraħ ruħi biha.
|