Mario
Attard
TAHT IT-TOQOL TAS-SALIB
Marija Addolorata
Kemm uċuħ fakkruni fik,
Fuq din l-art għażiża tagħna,
‘L hinn mix-xtut, fl-aħbarijiet.
Rajt il-ħasra, rajt il-ħniena
Fuq wiċċ l-omm ħdejn binha mqiegħda,
Kollu mtaqqab bis-siringi
Li temmew ħajja umana.
Smajt l-ilfiq ta’ l-omm u żewġha
Mifnijin għal sigħat twal -
Binhom telaq, ma ġiex lura...
Sabuh mgħallaq f’nofs ta’ nhar!
Fomm mitbuq qasam lil qalbi
T’ omm imbikkma ma’ uliedha.
Zewġha għax-xogħol ħareġ bħas-soltu.
Fit-triq ħajtu sabet tmiemha.
Gewwa Spanja, ġo l-Amerika,
Terroriżmu jgħolli rasu
B’għajb għall-bniedem u għemilu,
Mingħajr ħtija n-nies jinqatlu.
Kamikażi suwiċidi,
Ebrej u Palestinjani,
Iraqqini u Afgani...
Nies għaddejja mill-passjoni.
Kemm krib isemmgħu l-ħluq!
Kemm uġigħ jixhdu l-uċuħ!
Qlub muġugħa, iġsma għajjiena,
Taħt it-toqol tas-salib.
Olfqu l-biki bħalma beka
Kristu, quddiemna mislub.
Dawk għajnejh jafu xi tfisser
Qalb muġugħa tnixxi d-dmugħ.
Ersqu għandu li ġarrabtu.
Ersqu għandu mifnijin.
Qalbu taf it-tnikkit kollu
Is-Salvatur tal-midinbin.
Ersqu għandu intom ilkoll
Li kwietkom...sabarkom tliftu
Għax tqil kien għal fuq spallejkom -
Tqil wisq kien dan id-dulur.
Tibżgħu xejn. Dan huwa Kristu
Imħabbtu ma tiqafx tfittixkom.
Id-Duluri qiegħda taħtu.
Lejl u nhar tidħol għalikom.
ĦAJMUNA FUQ MIDBAH L-ALLAT
F’riġel il-midbaħ
ta’ l-alla Ġove,
karbet Hajmuna
miġbura kollha
fil-baħħ ta’ xejnha...
“Lilek il-qima
o makbrek alla
ta’ l-allat kollha,
stejqer min-nagħsa
tabilħaqq twila
l’int ilek fiha,
u widen agħti
lit-talba tiegħi
għall-kobor dejjem
minta’ l-inwar;
Simuni tagħna,
li lilek qima
sikwit ġie jagħti,
fuq karru mħaġġar
telaq Binġemma
sabiex inewwel
l-inbid għat-tajfa;
ilu zewġ oqmra
li kien ħalliena,
o makbrek Ġove,
u l-i`ken ħabar
minnu ma ħadna!
X’se naqbad nagħmel,
għarrafni inti,
ja alla sidi!”
“Inti xejn la tibza’,
binti Hajmuna,
int bint l-ulieda
minta’ l-allat...
Dawn l-irjieħ kollha
li qed jinqalgħu
ta’ l-inbid l-alla
huma bans l-għadab!
Mur imxi u terraq
sa tlugħ il-qamar
it-tielet wieħed
u kif dal-qamar
ifiġġ mix-xefaq
f’wicc l-art intefa’
u qim lil Bakku
ta’ linid l-alla
daqshekk maħbub,
itolbu x’naqsek
għax l-iben tagħna
l-ħanin Simuni,
ta’ l-alla Bakku
kien taħt il-ħarsa”.
“O makbrek alla
sidi ħanin,
kbir alla Ġove,
il-ħajr irroddlok
mill-qiegħ ta’ qalbi;
bikri fil-għodu
għada jien nitlaq,
ma’ tlugħ ix-xemx,
fuq dan il-midbaħ,
zewġi l-maħbub
moqbejl jaħraqlek
għoġġiela sitta
b’radd ta’ ħajr!”
U dlonk Hajmuna
bieset il-qiegħa
ta’ midbaħ Ġove,
u telqet hienja
lejn il-widien.
Stenniet għajjiena,
saqajha tqal,
waqfet fuq għolja,
is-sigħat twal,
sakemm il-qamar
tat-tielet lejla
feġġ minn ġos-sħab!
“Hajr lilek nagħti,
ja qamar sbejjaħ,
li tajtni l-ħila
mal-moxa nterraq...
Ilqa’ bil-ħlewwa,
għaziz, nitolbok,
il-karba tiegħi
mibdula f’talba
mimlija ħrara,
u dlonk wassalha
lill-alla Bakku
sid ta’ l-inbid!...
Bil-qima kollha,
sliem lilek nagħti,
ta’ l-inbid l-alla,
il-makbru Ġove,
misbħu u maqwih,
bagħatni għandek,
sabiex tagħtini
ħjiel t’ibni S’muni...
Ilu tliet oqmra
li mar Binġemma
biex inewlilna
fuq karru mħaġġar
l-inbid għat-tajfa...
u b’għajb li nqala’
ilu tliet oqmra
illi Simuni
‘l ura ma ġiex!
Nitolbok tgħidli,
kbir alla Bakku,
x’sar minn ibni,
f’ġieħ l-għoġol qawwi
li kien ħaraqlek
qabel ma telaq
iġib l-inbid!”...
“Tibzax, Hajmuna,
moħtara ‘l Zewġek
u lill-allat!
Traġġa’ lejn darek,
mur serraħ rasek,
iġbor lil zewġek
flimkien ma’ wliedkom
l-oħrajn maħbuba,
u bl-ogħla midja
baħħru lid-dar!”
U dlonk Hajmuna
bieset il-qiegħa
u l-ħajr radditlu
lill-alla Bakku,
u telqet hienja
lejn il-għarix...
U lkoll inġabru,
b’zewġha u b’uliedha,
bil-bħur mill-masġar
u baħħru ‘l darhom
fost ħafna talb;
u meddew rashom
issa fis-serħ,
għax qalbhom sielma,
dakinhar għamlu
kif kien amarhom
alla t’l-allat!
U l-għada sewwa,
Bikri fil-għodu,
bil-ferħa laqgħu
kif mess il-masġar
lil binhom S’muni...
Mat-talba ta’ ħajra
faru l-inbejjed
u ġriet il-għagħa
li S’muni silem!
U s-sitt għoġġiela
wiegħdet Hajmuna,
hi u zewġha debħu
fuq midbaħ Ġove
bla telf ta’ zmien!
IL-BNIEDEM
- ħajku -
Hlejqa maħluqa
sabiex tgħix bħala l-jiena
f’dinja ta’ l-aħna
|