Nikol
Biancardi
ŻEWĠ RITRATTI
I
Żebbuġi. Għex fil-bliet. Dħuli. Minn tagħna.
Fil-kitba magħruf b’Dun. Hu Monsinjur.
Jikteb bil-Malti. Kliemu la taljana.
l-aqwa poeta. Profs. Ta’ lsienna sur.
Dejjem nadif. Jitbandal mas-suttana.
Jitħejjem fit-tifħir. Iħobb il-bħur.
Irqajjaq. Aktarx twil. Ħabib il-għana.
Fil-kliem meqjus. Wisq rari biex ifur.
Eks-Assistent Bibljotekarju. Il-kotba
Ta’ hemm ġew jafhom kollha bl-isem tagħhom.
Ħareġ bil-pjazza bla ma rabba ħotba.
Iħobb kittieba jara qed ifaqqsu.
Hu l-qroqqa. Huma l-frieħ. Bħal missier magħhom
Jixtieqhom jikbru basta, iżda, mhux daqsu.
II
Ftit jafu li hu Għawdxi. Imbaċċaċ. Qsajjar.
Grammatku mill-aħjar. Filolgu kbir.
Jaħdem mal-Gvern. Biex jogħla għadu mħajjar.
Ħabb lil Vassalli: ta’ ġrajjietu lsir.
Demmu ftit spont. Xi waħda żgħira jfajjar.
Għall-Malti sewa d-deheb. Iħobb il-fqir.
Feda lill-Bdiewa. Weraq mar-riħ tajjar.
Fil-proża u l-versi lanqas m’hu mill-ħmir.
Ma jafda ’l ħadd. Ibati bir-riħ pruwa.
Il-lum jgħaddi bla ma biss isellem:
L-għada jarak: jidħaklek! Tgħid: “Dan huwa?”
Jimxi bil-qabża. M’għandux kwiet ġo ġismu.
Iħares ’l hemm u ’l hawn qabel jitkellem.
Irid ifiehem bil-X’jgħidulu u l-X’jismu.
|